X’kien li ġibidni
u li saħħarli ‘l qalbi
kull meta bennintek
u żammejtlek idejk?
Kienu għajnejk
profondi,
u n-nifs
iħarħar?
Il-ħarsa qalila
li ma ċċedi
b’xejn?
Il-friegħi dgħajfa
minn pal’t’id ċkejkna
iggranfati ma’ sebgħi
b’kilba tal-ġenn,
bħal donnok f’dik il-qabda
ridt taħkem
lill-Ħajja
biex le ma taħrablek
u int
tibqa’
hemm.
Narak, Qalbi,
għada
pit-
għada
tilgħab f’nofs ix-xita
traxxax gelgul.
Narak,
ma’ ħutek
minn ommijiet oħra,
għajnejk kbar leqqiena
jixorbu kull dħul.
Imm’għal issa
stenna
bejn gverta u mitraħ
bil-pajp tal-ikel
nieżel
m’imnifsejk.
Ħallini, fil-memorja,
nitimgħek darb’oħra,
waqt li qalbi
titgħawweġ
għax imbegħda
għajnejk.